Ara: Tornado fi Sqallija; karozzi maqlubin, soqfa mġarrfa u nies feruti

newsbook.com.mt · world

Tornado laqat il-bliet ta’ Marsala u Petrosino fi Sqallija, fejn inqalbu numru ta’ karozzi, ġiet ikkawżata ħsara fil-bini u ndarbu diversi persuni. Filmati u ritratti ppubblikati fuq il-midja soċjali wrew li inizjalment kien hemm żewġ tromba tal-ilma fuq il-baħar li ngħaqdu f’waħda ikbar hekk kif resqu lejn il-kosta. Fost il-bini li ntlaqat kien hemm l-iskola Alcide de Gaspieri, fejn weġġgħu numru ta’ persuni hekk kif inkisru t-twieqi u waqgħu partijiet mis-suffett. F’partijiet oħra karozzi spiċċaw maqlubin rashom ‘l isfel. F’Petrosino, karozza waqgħet ġo wied u żewġ persuni kellhom jittieħdu l-isptar. Ħsarat oħra ġew irrappurtati f’għelieqi, imħażen, siġar u toroq bejn iż-żewġ ibliet. L-awtoritajiet Sqallin wissew lin-nies f’dawn l-inħawi biex joqgħodu attenti u jillimitaw il-movimenti tagħhom. Intalbu wkoll biex ma jfixklux lill-ħaddiema tas-salvataġġ waqt ħidmiethom, partikolarment billi ma jimblukkawx it-traffiku. Ħafna kkummentaw li din kienet l-ewwel darba fl-istorja li l-Italja esperjenzat tornado, b’oħrajn jgħidu li dan huwa effett tal-bidla fil-klima. The post Ara: Tornado fi Sqallija; karozzi maqlubin, soqfa mġarrfa u nies feruti appeared first on Newsbook .

Read full article →